RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 1
KAPITOLU 420
ATT DWAR IR-RIFUĠJATI
ATT biex jagħmel provvedimenti dwar u jistabbilixxi proċeduri għar-
rigward ta’ rifuġjati u persuni li jfittxu asil. 
1 ta’ Ottubru, 2001
L-Att XX ta’ l-2000.
TAQSIMA I
Provvedimenti Ġenerali
Titolu.
Tifsir.
xort’oħra -
"applikant" tfisser persuna li tkun għamlet applikazzjoni għal
dikjarazzjoni taħt l-artikolu 8;
"applikazzjoni" tfisser applikazzjoni għal status ta’ rifuġjat
magħmula taħt l-artikolu 8;
"applikazzjoni manifestament infondata" tfisser applikazzjoni -
(a) li ma tkunx relatata ma’ raġunijiet għaliex persuna
tkun rifuġjat kif imfissra fil-Konvenzjoni; jew
(b) li tkun għal kollox nieqsa fis-sustanza billi l-applikant
ma jipprovdi ebda indikazzjoni li se jkun espost għal
biża’ ta’ persekuzzjoni f’pajjiżu stess jew l-istorja li
jagħti ma jkun fiha ebda dettall ċirkostanzjali jew
personali; jew
(ċ) li dwarha l-applikant jagħti dettalji jew iġib provi li
b’mod ċar ma jkunux suffiċjenti biex jissostanzjaw il-
pretensjoni tiegħu u l-istorja li jagħti tkun waħda
inkonsistenti, kontradittorja jew fondamentalment
improbabbli; jew
(d) li dwarha l-applikant isejjes l-applikazzjoni tiegħu fuq
identità  falsa jew fuq dokumenti falsifikati jew foloz li
huwa jirritjeni bħala ġenwini meta jiġi mistoqsi
dwarhom; jew
(e) li dwarha l-applikant ikun deliberatament qarraq
b’mod sostanzjali; jew
(f) li dwarha l-applikant, mingħajr kawża raġonevoli u
b’malafidi, ikun qered, ħassar jew xort’oħra għamel
minn xi passaport, dokument jew biljett ieħor rilevanti
għall-pretensjoni tiegħu, kemm biex jistabbilixxi
identità  falsa għall-fini ta’ l-applikazzjoni tiegħu
kemm biex jirrendi l-konsiderazzjoni ta’ l-
applikazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet iktar diffiċli; jew
(ġ) li dwarha l-applikant ikun deliberatament naqas li
jiżvela li jkun qabel għamel appikazzjoni għal asil
f’pajjiż ieħor; jew
(ħ) li dwarha l-applikant, għax kellu qabel opportunità
2 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
biżżejjed li jressaq applikazzjoni għal asil, ikun
għamel l-applikazzjoni bil-għan li jwaqqaf ordni li
jkun se jsir dwar it-tneħħija tiegħu minn Malta, u ma
jkunx ipprovda spjegazzjoni valida għaliex ma jkunx
applika aktar qabel; jew
(i) li dwarha l-applikant ikun b’mod flagranti naqas milli
jikkonforma ruħu ma’ obbligazzjonijiet sostantivi
imposti bil-provvedimenti tal-liġi ta’ Malta għar-
rigward ta’ proċeduri ta’ asil; jew
(j) li qabilha l-applikant ikun għamel applikazzjoni għar-
rikonoxximent tiegħu bħala rifuġjat fi stat parti fil-
Konvenzjoni, u l-Kummissarju jkun sodisfatt li l-
applikazzjoni tiegħu kienet ġiet ikkunsidrata u
miċħuda kif dovut u li l-applikant ikun naqas li juri
bidla materjali f’dawn iċ-ċirkostanzi;
"dikjarazzjoni" tfisser dikjarazzjoni li persuna tkun rifuġjata;
"Dokument ta’ l-Ivvjaġġar tal-Konvenzjoni" tfisser id-dokument
ta’ l-ivvjaġġar imsemmi fl-Artiklu 28 tal-Konvenzjoni;
"Konvenzjoni" tfisser il-Konvenzjoni ta’ l-1951 dwar l-Istatus
ta’ Rifuġjati magħmula f’Ġinevra fit-28 ta’ Lulju, 1951, li Malta
aderiet għaliha fis-17 ta’ Ġunju, 1971, u l-Protokoll ta’ l-1967 dwar
l-Istatus ta’ Rifuġjati tal-31 ta’ Jannar, 1967 li Malta aderiet għalih
fil-15 ta’ Settembru, 1971, bla ħsara għad-dikjarazzjonijiet u r-
riservi magħmulin minn Malta;
"il-Kummissarju" tfisser il-Kummissarju għar-Rifuġjati, u
tinkludi skond il-limitu u l-awtorità  mogħtija, lil kull persuna oħra
temporanjament awtorizzata f’dik il-kapaċità  mill-Ministru;
"il-Kummissarju Għoli" tfisser il-Kummissarju Għoli għar-
Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti jew min jirrappreżentah; 
"membri tal-familja dipendenti" tfisser il-konjuġi tar-rifuġjat,
sakemm iż-żwieġ ikun jissussisti fid-data ta’ l-applikazzjoni tar-
rifuġjat, u dawk l-ulied tar-rifuġjat li fid-data ta’ l-applikazzjoni
tar-rifuġjat ikunu taħt l-età  ta’ tmintax-il sena u ma jkunux
miżżewġin;
"il-Ministru" tfisser il-Ministru responsabbli għall-
immigrazzjoni, u kull uffiċjal pubbliku li l-Ministru jista’
jiddelegalu bil-miktub xi wieħed mid-dmirijiet li huwa għandu taħt
dan l-Att;
"pajjiż ta’ l-oriġini sigur" tfisser pajjiż li tiegħu applikant ikollu
nazzjonalità  jew ċittadinanza jew, jekk ma jkollux nazzjonalità  jew
ċittadinanza tiegħu, li fih ikollu dritt ta’ residenza u li f’termini
ġenerali, jitqies bħala li ma jippreżenta ebda riskju serju ta’
persekuzzjoni fuq il-bażi ta’ dawn il-kriterji ta’ stima li ġejjin:
(a) li l-pajjiż ġeneralment ma għandux it-tendenza li
jiġġenera r-rifuġjati;
(b) li l-pajjiż formalment jaderixxi għall-obbligazzjonijiet
tiegħu skond l-istrumenti internazzjonali relattivi
għad-drittijiet tal-bniedem u sew fid-dritt sew fil-
prattika domestika tiegħu, ikun konformi ma’ dawk l-
RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 3
obbligazzjonijiet u iktar minn hekk ikollu storja li turi
li jkun jippermetti li organizzazzjonijiet nazzjonali jew
internazzjonali rikonoxxuti jissorveljaw ġrajjietu għar-
rigward tad-drittijiet tal-bniedem;
(ċ) li l-pajjiż juri sew fil-liġi sew fil-prattika li jkun kapaċi
jaderixxi għal proċessi demokratiċi, inklużi
elezzjonijiet ħielsa, pluraliżmu politiku u libertà  ta’
espressjoni u tal-ħsieb b’attenzjoni partikolari għad-
disponibbiltà  u l-effettività  ta’ possibilitajiet legali ta’
protezzjoni u rimedju:
Iżda f’kull stima li ssir dwar kemm pajjiż jista’
jkun sigur minn persekuzzjoni skond il-Konvenzjoni,
għandu jiġi provdut dwar kull bidla drammatika
istantanea li jista’ jkun hemm fis-sitwazzjoni politika
jew legali tiegħu li minħabba fiha ma jibqax jitqies
bħala pajjiż sigur;
"pajjiż terz sigur" tfisser pajjiż li tiegħu l-applikant ma jkollux
nazzjonalità  jew ma jkunx ċittadin u fejn:
(a) il-ħajja jew il-libertà  ta’ l-applikant mhux se tkun
mhedda fil-kuntest tat-tifsira ta’ l-Artikolu 33 tal-
Konvenzjoni; u
(b) l-applikant kien jirrisjedi għal perjodu ta’ żmien
konsiderevoli qabel id-dħul tiegħu f’Malta; u
(ċ) l-applikant mhux se jkun espost għat-tortura jew għal
trattament inuman jew degradanti, u jkun se jiġi ttrattat
skond livelli ta’ drittijiet tal-bniedem bażiċi; u
(d) l-applikant jew kien diġà  ngħata protezzjoni jew kollu
opportunità , fuq il-fruntiera jew ġot-territorju ta’ dak
il-pajjiż, li jagħmel kuntatt ma’ l-awtoritajiet ta’ dak
il-pajjiż sabiex jikseb il-protezzjoni tagħhom, qabel
ma japplika għal asil f’Malta, jew fejn ikun hemm
prova ċara ta’ l-ammissibilità  tiegħu f’dak il-pajjiż; u
(e) l-applikant jingħata protezzjoni effettiva kontra
refoulement fil-kuntest tat-tifsira tal-Konvenzjoni;
"persuna li tfittex asil" tfisser persuna li tkun għamlet
applikazzjoni għal dikjarazzjoni taħt l-artikolu 8;
"preskritt" tfisser preskritt b’xi regolament, regola, ordni jew
strument ieħor magħmul taht id-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att li
jagħti setgħa ta’ għemil ta’ xi strument bhal dak;
"protezzjoni umanitarja" tfisser permess speċjali biex persuna
tibqa’ Malta sakemm hija tkun tista’ terġa’ lura b’sigurezza fil-
pajjiż ta’ oriġni tagħha jew inkella tibda tabita mill-ġdid f’pajjiż
ieħor; 
"rifuġjat" tfisser min, minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà  li
jista’ jiġi ppersegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon,
nazzjonalità , sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika
partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità  tiegħu u
ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jinqeda
bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew min, mingħajr ma jkollu
4 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
nazzjonalità  u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien
joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew,
minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih, iżda ma
tinkludix lil min -
(a) ikun qed jirċievi xi protezzjoni jew assistenza
mingħand l-organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti
(minbarra l-Kummissjoni Għolja);
(b) dwaru jkun hemm raġunijiet serji biex jiġi kkunsidrat
li huwa:
(i) ikun għamel reat kontra l-paċi, reat ta’ gwerra,
jew reat kontra l-umanità , kif imfisser fl-
istrumenti internazzjonali kostitwiti biex
jipprovdu dwar reati bħal dawk; jew
(ii) ikun għamel reat gravi mhux ta’ xorta politika
barra minn Malta qabel ma jkun daħal Malta;
jew
(iii) ikun ħati ta’ attijiet li jmorru kontra l-għanijiet u
l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti:
Iżda meta persuna jkollha iktar minn nazzjonalità  waħda,
il-kelma "pajjiż" imsemmija hawn aktar qabel, għandha tkun
tirreferi għal kull wieħed mill-pajjiżi li tiegħu tkun ċittadin, u dik
il-persuna ma għandhiex titqies bhala li ma għandhiex il-
protezzjoni ta’ pajjiżha, jekk, mingħajr biża’ msejsa fuq il-
persekuzzjoni, ma tkunx fittxet il-protezzjoni ta’ xi wieħed mill-
pajjiżi li tiegħu dik il-persuna tkun ċittadin;
Kap. 217.
"uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni" tfisser uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni
nominat taħt l-Att dwar l-Immigrazzjoni. 
Konvenzjoni ta’ l-
1951 dwar l-Istatus 
ta’ Rifuġjati.
3. Dan l-Att jinkorpora l-obbligazzjonijiet li Malta assumiet
taħt il-Konvenzjoni, u fit-tifsir tiegħu għandu jittieħed kont tal-
provvedimenti tal-Konvenzjoni.
TAQSIMA II
Proċeduri
Titolu I - Il-Kummissarju għar-Rifuġjati
Twaqqif t’a 
Kummissarju għar-
Rifuġjati.
4. (1) Għandu jkun hemm persuna li tkun magħrufa bħala l-
Kummissarju għar-Rifuġjati.
(2) Il-Kummissarju jinħatar mill-Prim Ministru minn fost
uffiċjali pubbliċi jew minn fost persuni oħra li f’kull każ, fil-fehma
tal-Prim Ministru, jkollhom għarfien u esperjenza fi ħwejjeġ li
jolqtu r-rifuġjati.
(3) Il-Kummissarju għandu jwettaq dawk il-funzjonijiet li jiġu
lilu mogħtija b’dan l-Att, u mingħajr preġudizzju għall-ġeneralità
ta’ dak imsemmi hawn aktar qabel, huwa għandu jeżamina
applikazzjonijiet li jsiru għal status ta’ rifuġjat u jkollu s-setgħa li
jagħti ġuramenti lil kull persuna.
(4) Il-Prim Ministru jista’ jassenja uffiċjali pubbliċi biex ikunu
membri tal-persunal tal-Kummissarju hekk kif jista’ jqis li jkun
meħtieġ sabiex jgħinu lill-Kummissarju fit-twettiq ta’ dmirijietu.
RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 5
Titolu II - Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati 
Twaqqif ta’ Bord 
ta’ l-Appelli dwar 
ir-Rifuġjati.
5. (1) Il-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati jkun magħmul
minn president u żewġ membri oħra li jinħatru mill-Prim Ministru
minn fost persuni li jkunu ta’ integrità  magħrufa u li jidhrulu li
jkunu kwalifikati minħabba f’li kellhom esperjenza, u wrew ħila,
f’suġġetti li jitqiesu adattati għal dak l-iskop:
Iżda għall-inqas wieħed mill-membri tal-Bord għandu jkun
persuna li tkun eżerċitat ta’ avukat f’Malta għal perjodu jew
perjodi li jammontaw, b’kollox, għal mhux anqas minn seba’ snin.
Ħatra.
perijodu ta’ tliet snin, u jkunu jistgħu jerġgħu jiġu maħtura.
(3) Il-Ministru jista’ wkoll jaħtar president sostitut u membri
sostituti tal-Bord sabiex joqogħdu fil-Bord kull meta l-president
jew il-membri jew xi wieħed minnhom ikun għal xi raġuni valida
temporanjament inkapaċi milli jattendi u jipparteċipa fis-seduti tal-
Bord:
Iżda, kemm jista’ jkun prattikament possibbli, l-istess
president u l-istess membri għandhom jisimgħu u jikkonkludu l-
istess każ.
Tneħħija.
Ministru minħabba fi traskuraġni gravi, inkompetenza, jew attijiet,
ommissjonijiet jew imġieba li ma jixirqux lil membru tal-Bord.
Appelli lill-Bord.
kontra xi rakkomandazzjoni tal-Kummissarju.
(2) Appelli lill-Bord għandhom isiru fi żmien ġimgħatejn minn
meta ssir in-notifika tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju lill-
applikant. Meta jkun l-applikant li jagħmel l-appell, għandha tiġi
notifikata kopja ta’ l-appell lill-Ministru u lill-Kummissarju. Meta
jkun il-Ministru li jagħmel l-appell, għandha tiġi notifikata kopja
ta’ l-appell lill-applikant u lill-Kummissarju. 
(3) Meta jsir appell mill-Ministru, applikant li jkun qiegħed
jinżamm f’kustodja minħabba biss f’ordni ta’ deportazzjoni jew ta’
tneħħija għandu jinħeles sakemm tingħata d-deċizjoni tal-Bord. 
(4) Il-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati għandu, skond ma
jista’ jkun jeħtieġ il-każ partikolari, jagħmel arranġamenti biex
jipprokura l-attendenza ta’ interpretu biex jassisti waqt is-seduti.
(5) Appellant ikollu d-dritt għal għajnuna legali bla ħlas taħt l-
istess kondizzjonijiet li japplikaw għal ċittadini Maltin.
(6) Sakemm il-partijiet kollha jkunu jaqblu bejniethom, is-
seduti tal-Bord għandhom jinżammu in camera.
(7) Minkejja d-disposizzjonijiet tas-subartikolu ta’ qabel,
rappreżentant tal-Kummissarju Għoli dejjem ikollu d-dritt jattendi
għas-seduti tal-Bord.
(8) Bla ħsara għar-regolamenti magħmulin taħt l-artikolu
19(1)(b) ta’ dan l-Att, il-Bord għandu jirregola l-proċedura tiegħu
nnifsu. Il-Bord għandu wkoll permezz tal-President ikollu s-setgħa
li jamministra l-ġurament lil kull persuna li tidher quddiemu.
6 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
Kap. 319.
(9) Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, iżda
mingħajr preġudizzju għall-artikolu 46 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta
u mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ l-artikolu 4 ta’ l-
Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, id-deċizjoni tal-Bord tkun
waħda finali u konklużiva u ma tkun tista’ tiġi kontestata jew
appellata quddiem ebda qorti tal-ġustizzja.
(10) Meta l-Bord jiddeċiedi favur l-applikant, il-Ministru
għandu joħroġ dikjarazzjoni skond hekk.
(11) Id-disposizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx
japplikaw fil-każ ta’ applikazzjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati
taħt il-proċeduri aċċellerati skond l-artikolu 18 ta’ dan l-Att.
TAQSIMA III
Kif jiġu trattati Persuni li jfittxu Asil u Rifuġjati
Applikazzjonijiet 
għal status ta’ 
rifuġjat.
8. (1) Persuna li tkun qegħda tfittex asil f’Malta, għandha
ssirilha intervista minn uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni kemm jista’
jkun malajr, u hija tista’ tapplika lill-Kummissarju fuq il-formola
preskritta għal dikjarazzjoni. Il-formola preskritta għandha, meta
jkun possibbli, tkun f’ilsien li l-applikant ikun jifhem. L-uffiċjal ta’
l-immigrazzjoni għandu wkoll jgħarraf lil dik il-persuna bid-dritt li
għandha li tapplika għal dikjarazzjoni u li tikkonsulta lill-
Kummissarju Għoli u li jkollha assistenza legali matul il-fażijiet
kollha tal-proċedura ta’ l-asil. 
(2) Persuna li f’xi żmien tkun tinsab Malta (sew legalment sew
mhux) u li tkun qegħda tfittex li jkollha l-istatus ta’ rifuġjat
f’Malta, tista’ tapplika fuq il-formola preskritta lill-Kummissarju
għal dikjarazzjoni, u l-Kummissarju għandu jeħtieġ lill-applikant
sabiex jattendi għal intervista fi żmien ġimgħa. Intervista taħt dan
is-subartikolu għandha ssir bil-magħluq u, meta jkun hekk meħtieġ
u possibbli, bl-assistenza ta’ interpretu.
(3) Kull informazzjoni li tirrigwarda applikazzjonijiet għal
status ta’ rifuġjat għandha tibqa’ waħda konfidenzjali. Taħt ebda
ċirkostanza ma għandha xi informazzjoni li tkun tirrigwarda dawk
l-applikazzjonijiet tiġi żvelata lill-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ l-oriġini
ta’ l-applikant, lanqas ma għandha tintalab xi informazzjoni
mingħand dawk l-awtoritajiet dwar l-applikant. 
(4) Il-Kummissarju Għoli jkollu aċċess liberu għal kull
persuna li tfittex asil u jista’ jkun preżenti waqt kull intervista li
ssirilha mill-Kummissarju għar-Rifuġjati.
(5) Il-Kummissarju għandu kemm jista’ jkun malajr jeżamina
applikazzjoni għal status ta’ rifuġjat li tkun saret skond is-
subartikoli (1) jew (2) ta’ dan l-artikolu u għandu jirrikmanda lill-
Ministru dwar jekk għandux jilqa’ dik l-applikazzjoni jew le. F’dan
l-għemil il-Kummissarju għandu jiżgura ruħu li l-applikant ikun
ippreżenta l-każ tiegħu kollu kemm hu, li jkun sostnih bi provi u li
jkun ta spjegazzjonijiet xierqa għar-ragunijiet kollha li jkun ġab fl-
applikazzjoni tiegħu. Kull deċizjoni tal-Kummissarju dwar xi
applikazzjoni għandha tkun bil-miktub u għandu jkun fiha r-
raġunijiet li tkun imsejsa fuqhom. 
(6) Jekk il-Kummissarju jirrikmanda li l-applikazzjoni
RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 7
għandha tintlaqa’, il-Ministru jagħmel dikjarazzjoni li tkun tgħid li
l-applikant ikun eliġibbli għal status ta’ rifuġjat, jew inkella
jappella kontra rikmandazzjoni bħal dik skond ma hemm fl-artikolu
7. 
(7) Il-Kummissarju jista’ jirrikmanda lill-Ministru li, minkejja
l-fatt li persuna ma tkunx tissodisfa l-ħtiġiet biex tiġi rikonoxxuta
bħala rifuġjat, dik il-persuna għandha tingħata protezzjoni
umanitarja f’Malta.
(8) Meta ssir tali rakkomandazzjoni, il-Ministru għandu jagħti
dik il-protezzjoni umanitarja; dik il-protezzjoni għandha tieqaf jekk
il-Ministru jkun sodisfatt, wara li jikkonsulta lill-Kummissarju, li
dik il-protezzjoni ma tkunx aktar meħtieġa.
Projbizzjoni ta’ 
refoulement.
9. (1) Persuna ma għandhiex titkeċċa minn Malta jew
titreġġa’ lura b’xi mod li jkun lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn il-
ħajja jew il-libertà  ta’ dik il-persuna jkunu mhedda minħabba fir-
razza, religjon, nazzjonalità , sħubija f’xi grupp soċjali partikolari
jew il-fehma politika tagħha.
(2) Id-disposizzjonijiet tas-subartikolu (1) ta’ dan l-artikolu
m’għandhomx japplikaw għal rifuġjat li dwaru jkun hemm
ragunijiet validi li jitqies bħala bniedem perikoluz għas-sigurtà  ta’
Malta, jew li, wara li jkun instab ħati b’sentenza finali ta’ xi delitt
partikolarment serju, jkun ta’ periklu għall-komunità .
Kif jiġu trattati 
persuni li jfittxu 
asil.
10. (1) Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra li
tistabbilixxi xort’oħra, persuna li tfittex asil m’għandhiex titneħħa
minn Malta qabel ma tiġi deċiza finalment l-applikazzjoni tagħha
skond dan l-Att u dak l-applikant għandu jitħalla jidħol jew jibqa’
Malta sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-applikazzjoni
tiegħu. Hija għandha jkollha wkoll aċċess għal edukazzjoni u taħriġ
statali f’Malta u li tirċievi servizz u kura medika statali.
(2) Persuna li tfittex asil - 
(a) ma għandhiex tfittex li jkollha x’impieg jew li
tiggestixxi xi negozju kemm-il darba ma jkollhiex il-
kunsens tal-Ministru; 
(b) għandha, kemm-il darba ma tkunx taħt kustodja,
toqgħod u tibqa’ residenti fil-postijiet li l-Ministru
jista’ jindikalha;
(ċ) għandha tirraporta f’intervalli speċifikati għand l-
awtoritajiet ta’ l-immigrazzjoni skond kif jista’
jindikalha l-Ministru:
Iżda jekk xi applikant bħal dak ikun qed jikser xi waħda
mid-disposizzjonijiet tal-paragrafi (a), (b) u (ċ) ta’ dan l-artikolu
huwa jkun ħati ta’ reat u jista’ jeħel, meta jinsab ħati, priġunerija
għal żmien mhux iktar minn sitt xhur.
(3) Jekk l-applikant jitlaq minn Malta għax irid hu, l-
applikazzjoni tiegħu titqies li tkun ġiet irtirata, kemm-il darba t-
tluq tiegħu minn Malta ma jkunx ġie awtorizzat mill-Ministru.
Drittijiet tar-
rifuġjati.
11. (1) Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra li tkun
tgħid xort’oħra u minkejja kull ordni ta’ deportazzjoni jew ta’
8 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
tneħħija, min ikun dikjarat rifuġjat ikollu jedd:
(a) li jibqa’ Malta, u li jingħata dokumenti personali,
inkluż permess ta’ residenza; u jekk ikun taħt kustodja
minħabba biss f’ordni ta’ deportazzjoni jew ta’
tneħħija, li jinħeles minnufih;
(b) kemm-il darba ma jkunx taħt kustodja jistenna li
jgħaddi proċedimenti ġudizzjarji għall-għemil ta’ reat
kriminali, jew ikun qed iservi perjodu ta’ priġunerija,
li jingħata Dokument ta’ l-Ivvjaġġar tal-Konvenzjoni
li jagħtih dritt ta’ tluq u ritorn f’Malta mingħajr il-
ħtieġa ta’ ebda viża;
(ċ) li jkollu aċċess għal edukazzjoni u taħriġ statali
f’Malta, u li jirċievi assistenza u servizzi mediċi
statali.
(2) Il-membri dipendenti tal-familja ta’ persuna dikjarata bħala
rifuġjat li jkunu qegħdin Malta filwaqt tad-dikjarazzjoni jew li
jingħaqdu magħha f’Malta, jkollhom l-istess drittijiet u benefiċċji
bħar-rifuġjat innifsu.
Tfal u żgħażagħ.
Kap. 285.
12. Tifel jew żagħżugħ taħt l-età  ta’ tmintax il-sena li jaqa’ fl-
ambitu ta’ dan l-Att li jinstab taħt ċirkostanzi li jkunu jindikaw ċar
li jkun tifel jew żagħżugħ fil-bżonn ta’ ħarsien, għandu jitħalla
japplika għal asil, u għall-finijiet ta’ dan l-Att, għandu jkun assistit
skond ma hemm fl-Att dwar Tfal u Żgħażagħ (Ordnijiet għall-
Ġarsien), bħallikieku kien xi tifel jew żagħżugħ taħt dak l-Att.
Min imu jgħammar 
f’pajjiż ieħor.
13. Il-Ministru jista’, fuq talba bil-miktub ta’ applikant jew ta’
rifuġjat rikonoxxut, u meta hekk meħtieġ, bl-assistenza tal-
Kummissarju Għoli, jiffaċilita ċ-ċirkostanzi li jwasslu biex
applikant jew rifuġjat imur jgħammar f’xi pajjiż ieħor u jagħmel
dak kollu meħtieġ għal dak l-għan. 
Assistenza. 14. Il-Kummissarju għandu jiżgura kemm jista’ jkun possibbli,
li l-mod kif jiġi applikat dan l-Att ikun konformi mal-prattika
internazzjonali aċċettata, u għal dak l-għan jista’ jikseb l-għajnuna
tal-Kummissarju Għoli jew ta’ kull għaqda mhux governattiva sew
nazzjonali sew internazzjonali li jkollha x’taqsam ma’ ħwejjeġ li
jolqtu lir-rifuġjati. 
TAQSIMA IV
Revoka ta’ Dikjarazzjoni
Tmiem ta’ status 
ta’ rifuġjat.
15. (1) Persuna ttemm milli jibqa’ jkollha status ta’ rifuġjat
jekk -
(a) għax riedet, reġgħet inqdiet bil-protezzjoni tal-pajjiż
tan-nazzjonalità  tagħha, jew jekk kienet tilfet in-
nazzjonalità  tagħha, reġgħet kisbitha għax hekk riedet;
jew
(b) tkun kisbet nazzjonalità  ġdida u tkun tgawdi l-
protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità  ġdida tagħha;
jew
(ċ) għax riedet, tkun stabbiliet ruħha mill-ġdid fil-pajjiż
RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 9
mnejn tkun telqet jew li tkun baqgħet barra minnu
minħabba fil-biża’ mill-persekuzzjoni; jew
(d) ma tkunx iktar tista’ tkompli, minħabba f’li ċ-
ċirkostanzi li b’konnessjoni magħhom hija tkun ġiet
rikonoxxuta bħala rifuġjat jkunu ntemmu milli jibqgħu
jeżistu, tirrifjuta li tinqeda bil-protezzjoni tal-pajjiż
tan-nazzjonalità  tagħha; jew
(e) tkun persuna li ma jkollha ebda nazzjonalità  u,
minħabba li ċ-ċirkostanzi li dwarhom hija tkun ġiet
rikonoxxuta bħala rifuġjat ma jkunux għadhom jeżistu,
tkun tista’ tirritorna fil-pajjiż fejn soltu kienet
toqgħod.
(2) Persuna li tkun ġiet avżata li tkun temmet milli tibqa’
jkollha l-istatus ta’ rifuġjat ikollha jedd għal appell kontra dik id-
deċiżjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati fi żmien
ġimgħatejn minn dak l-avviż u d-disposizzjonijiet ta’ l-artikolu 7
ta’ dan l-Att għandhom ikunu mutatis mutandis japplikaw għal dak
l-appell. Id-deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati tkun
waħda finali.
Tħassir ta’ status 
ta’ rifuġjat.
16. (1) Il-Ministru jista’ jirrevoka dikjarazzjoni ta’ status ta’
rifuġjat jekk, wara investigazzjoni xierqa, jkun sodisfatt li persuna
li tkun ingħatatilha dikjarazzjoni tkun ġiet rikonoxxuta bi żball
bħala rifuġjat minħabba f’applikazzjoni li jkun fiha xi
informazzjoni materjalment mhux korretta jew falza, jew tkun ġiet
hekk rikonoxxuta minħabba fi frodi, falsifikazzjoni jew xi għemil
falz jew qarrieqi ta’ xorta materjali jew sostantiva għar-rigward ta’
l-applikazzjoni.
(2) Persuna li dwarha l-Ministru jkun irrevoka dikjarazzjoni
taħt is-subartikolu (1) ta’ dan l-artikolu jkollha jedd tappella kontra
r-revoka quddiem il-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati fi żmien
ġimgħa minn meta tiġi notifikata bir-revoka, u d-disposizzjonijiet
ta’ l-artikolu 7 ta’ l-Att għandhom ikunu japplikaw mutatis
mutandis għal dak l-appell.
Tkeċċija ta’ 
rifuġjat.
17. (1) Il-Ministru jista’ jordna t-tkeċċija minn Malta ta’
rifuġjat minħabba fis-sigurezza nazzjonali jew l-ordni pubbliku, u
sakemm issir dik it-tkeċċija dik il-persuna għandha tinżamm taħt
kustodja.
(2) Id-disposizzjonijiet ta’ l-artikolu 7 ta’ dan l-Att għandhom,
mutatis mutandis, ikunu japplikaw għall-ordnijiet ta’ tkeċċija li
jinħarġu taħt dan l-artikolu.
(3) Rifuġjat li għalih japplika dan l-artikolu għandu jingħata
perjodu ta’ żmien raġonevoli li matulu jkun jista’ jfittex li jitħalla
jidħol legalment f’xi pajjiż ieħor.
10 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
TAQSIMA V
Proċeduri Aċċellerati
Proċeduri 
aċċelerati.
18. (1) Persuna li tkun qed tfittex asil f’Malta skond l-artikolu
8 ta’ dan l-Att għandha tiġi eżaminata taħt proċeduri aċċellerati
skond dan l-artikolu meta -
(a) l-applikazzjoni tagħha tkun tidher prima facie bħala
waħda manifestament infondata kif imfisser fl-artikolu
2 ta’ dan l-Att, jew
(b) il-persuna jkollha nazzjonalità  fi jew tkun ċittadin ta’,
jew, jekk ma jkollhiex nazzjonalità  fi jew ma tkunx
ċittadin ta’, ikollha dritt ta’ residenza fi, pajjiż ta’ l-
oriġni sigur kif imfisser fl-artikolu 2 ta’ dan l-Att u
fejn ma jkun hemm għalih ebda riskju gravi ta’
persekuzzjoni fil-kuntest u fl-iskop tal-Konvenzjoni,
jew
(ċ) il-persuna jew tkun ġiet diġà  rikonoxxuta bħala
rifuġjat skond il-Konvenzjoni f’pajjiż terz sigur kif
imfisser fl-artikolu 2 ta’ dan l-Att jew fejn diġà  kellu
ll-opportunità , fil-fruntiera tiegħu jew ġot-territorju
tiegħu, japplika hemhekk għal status ta’ rifuġjat qabel
ma jiġi Malta u jkun hemm provi ċari li jkun jista’
jiddaħħal f’dak il-pajjiż terz.
(2) Jekk wara li l-applikant jiġi intervistat skond proċeduri
delineati fis-subartikolu (1) ta’ l-artikolu 8 ta’ dan l-Att, l-uffiċjal
ta’ l-immigrazzjoni involut ikun tal-fehma li l-applikazzjoni tkun
tinkwadra f’xi waħda jew iktar mill-kategoriji speċifikati fis-
subartikolu (1)(a) sa (ċ) ta’ dan l-artikolu, huwa ghandu minnufih
jagħmel rapport bil-miktub dwar il-każ, flimkien ma’ l-
applikazzjoni magħmula mill-persuna lill-Kummissarju, u għandha
wkoll tintbagħat mill-imsemmi uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni kopja
tal-materjal kollu mibgħut lill-Kummissarju, lill-President tal-Bord
ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati.
(3) Meta jsir rapport lill-Kummissarju taħt il-provvedimenti
ta’ hawn aktar qabel, il Kummissarju għandu jeżamina l-
applikazzjoni mingħajr dewmien u f’kull każ fi żmien tlett ijiem
minn meta jirċievi r-rapport mill-uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni skond
is-subartikolu (2) ta’ dan l-artikolu.
(4) Il-President tal-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati
għandu, fi żmien tlett ijiem u indipendentement mill-eżami li jkun
qed isir mill-Kummissarju, jeżamina applikazzjoni li tkun ġiet lilu
riferita mill-uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni skond is subartikolu (2) ta’
dan l-artikolu. 
(5) Il-fehma tal-Kummissarju u tal-President tal-Bord ta’ l-
Appelli dwar ir-Rifuġjati, dwar kull kwistjoni lilhom riferita skond
is-subartikolu (2) ta’ dan l-artikolu, għandha tkun iffurmata b’mod
indipendenti ta’ wieħed minn ta’ l-ieħor u tkun bażata fuq intervista
separata li ssir ma’ l-applikant, fuq id-dokumentazzjoni provduta
mill- uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni, u fuq kull informazzjoni oħra
minn individwi, organizzazzjonijiet jew awtoritajiet oħra involuti li
huma jistgħu independentement iqisu bħala meħtieġa u spedjenti
RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 11
għall-finijiet tat-twettiq ta’ eżami kif dovut tal-każ. 
(6) Intervista ma’ l-applikant taħt id-disposizzjonijiet ta’ hawn
aktar qabel għandha, meta dan ikun japplika, titmexxa privatament
u bl-assistenza ta’ interpretu, u, jekk l-applikant ikun hekk jixtieq,
fil-preżenza tal-Kummissarju Għoli. L-applikant għandu wkoll jiġi
mgħarraf bid-dritt li għandu li jkollu s-servizz ta’ avukat sabiex dan
jassistih waqt il-proċedimenti. 
(7) L-applikant involut u l-Kummissarju Għoli jistgħu jagħmlu
iktar sottomissjonijiet, sew bil-fomm sew bil-miktub, lill-
Kummissarju u, jew lill-President tal-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-
Rifuġjati, skond il-każ, dwar investigazzjoni li tkun qed issir
minnhom skond applikazzjoni li titqies mill-uffiċjal ta’ l-
immigrazzjoni bħala li tinkwadra taħt waħda mill-kategoriji
speċifikati taħt is-subartikolu (1)(b) u (ċ) ta’ dan l-artikolu jekk l-
applikant involut ivanta fuq bażi individwali u personali riskju
serju ta’ persekuzzjoni lilu nnifsu f’pajjiż xort’oħra kkunsidrat
bhala sigur fil-kuntest ta’ l-iskop tal-Konvenzjoni, u l-
Kummissarju u l-President tal-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati
għandhom jikkunsidraw kull tali sottomissjoni. 
(8) Bla ħsara ghad-disposizzjonijiet ta’ qabel ta’ dan l-
artikolu, meta fid-deċiżjoni li jagħmlu l-Kummissarju u l-President
tal-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati, independentement wieħed
mill-ieħor, it-tnejn jaslu għall-konklużjoni li l-applikazzjoni
tinkwadra taħt xi waħda mill-kategoriji speċifiċi msemmija fis-
subartikolu (1)(a) sa (ċ) ta’ dan l-artikolu, l-applikazzjoni għandha
tiġi miċħuda u dik id-deċizjoni għandha tkun waħda finali u
konklużiva u minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra ma
għandu jsir ebda appell jew tittieħed azzjoni għal stħarriġ
ġudizzjarju minnha quddiem il-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-Rifuġjati
jew quddiem xi qorti tal-ġustizzja oħra. Id-deċizjoni, inkluzi l-
motivazzjonijiet tagħha, għandhom jiġu komunikati mill-
Kummissarju lill-applikant bil-fomm, kemm-il darba huwa ma
jitlobx konferma bil-miktub.
(9) (a) Meta, skond il-proċeduri delineati fid-disposizzjonijiet
ta’ qabel ta’ dan l-artikolu, applikazzjoni tkun ġiet
miċħuda, il-Kummissarju għandu jibgħat kopja tad-
deċiżjoni flimkien mal-motivazzjonijiet relattivi -
(i) lill-Ministru,
(ii) lill-President tal-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-
Rifuġjati,
(iii) lill-Kummissarju Għoli, u
(iv) lill-uffiċjal ta’ l-immigrazzjoni. 
(b) Wara li tittieħed deċiżjoni li tkun tiċħad applikazzjoni
eżaminata taħt proċeduri aċċellerati skond dan l-
artikolu, il-Kummissarju jista’, jekk huwa jqis li jkun
meħtieġ li jsir hekk, jgħarraf lill-awtoritajiet ta’ xi
pajjiż terz involut li dik l-applikazzjoni għal asil ma
ġietx eżaminata fis-sustanza tagħha. 
(10) Meta l-Kummissarju u l-President tal-Bord ta’ l-Appelli
dwar ir-Rifuġjati, wara li jkunu għamlu eżami indipendenti ta’
12 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
applikazzjoni lilhom riferita skond id disposizzjonijiet ta’ qabel ta’
dan l-artikolu, jaslu ghal konklużjonijiet differenti jew it-tnejn li
huma ma jaqblux mal-fehma ta’ l-ufficjal ta’ l-immigrazzjoni dwar
jekk l- applikazzjoni ghandhiex tkun ikkunsidrata taht xi waħda
mill-kategoriji speċifikati fis-subartikolu (1)(a) sa (ċ) ta’ dan l-
artikolu, l-applikant ikun intitolat li l-applikazzjoni tiegħu għal asil
tiġi proċessata taħt proċeduri normali kif provdut taħt dan l-Att,
inkluż id-dritt ta’ appell skond l-artikolu 7, u l-Kummissarju
għandu skond hekk jgħarraf bil-fomm lill-applikant u lill-
Kummissarju Gholi bil-miktub minnufih. 
(11) Għall-finijiet tas-subartikolu (1)(b) u (ċ) ta’ dan l-artikolu,
il Ministru jista’, bil-miktub permezz ta’ proċeduri amministrattivi,
jiddikjara lil xi pajjiż bħala wieħed sigur mill-persekuzzjoni fit-
termini u l-iskop tal-Konvenzjoni. Il-Ministru jista’, ukoll bil-
miktub permezz ta’ proċeduri amministrattivi, jiddikjara lil xi
pajjiż bħala li ma jkunx għadu wieħed sigur jekk, fil-fehma tiegħu,
xi tibdil li jsir fis-sitwazzjoni politika jew legali tiegħu jkun juri li
l-ħtiġiet tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni jkunu temmew milli
jeżistu jew ikunu saru insodisfaċenti.
(12) Mingħajr preġudizzju għall-ġeneralità  tad-disposizzjonijiet
ta’hawn aktar qabel ta’ dan l-artikolu, jekk filwaqt li tkun qiegħda
tiġi eżaminata xi applikazzjoni magħmula skond l-artikolu 8 ta’ dan
l-Att, il-Kummissarju jasal ghall-konklużjoni li l-applikazzjoni
għandha tiġi trattata taħt proċeduri aċċellerati minħabba li tkun
waħda manifestament infondata jew għaliex l-applikant ikun sab u
seta’ jsib protezzjoni sigura band’oħra skond il-Konvenzjoni, l-
applikant għandu jiġi trattat taħt proċeduri aċċellerati u d-
disposizzjonijiet ta’ hawn aktar qabel ta’ dan l-artikolu għandhom
ikunu mutatis mutandis japplikaw. 
(13) Għall-finijiet tas-subartikolu (1)(ċ) ta’ dan l-artikolu, jekk
applikant ikollu dokument ta’ l-ivvjaġġar maħruġ minn pajjiż terz
sigur skond il-Konvenzjoni, huwa għandu jiġi dikjarat bħala li kien
sigur mill-persekuzzjoni f’dak l-istat u l-applikazzjoni tiegħu
għandha tiġi trattata taħt proċeduri aċċellerati skond id-
disposizzjonijiet ta’ hawn aktar qabel ta’ dan l-artikolu.
TAQSIMA VI
Mixxellanji
Setgħa ta’ għemil 
ta’ regolamenti.
19. (1)Il-Ministru jista’ jagħmel regolamenti bil-għan li dan l-
Att ikun jista’ jkollu seħħ u, b’mod partikolari iżda mingħajr
preġudizzju għall-ġeneralità  ta’ dak kollu hawn aktar qabel
imsemmi, regolamenti taħt dan l-artikolu jistgħu jagħmlu
provvedimenti li:
(a) jirregolaw l-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni u l-
proċedura għal u dwar dawk l-applikazzjonijiet;
(b) jirregolaw bi ftehim mal-Bord ta’ l-Appelli dwar ir-
Rifuġjati appelli taħt dan l-Att quddiem il-Bord ta’ l-
Appelli dwar ir-Rifuġjati u l-proċedura għal u dwar
dawk l-appelli u jipprovdu li kull persuna li tikser jew
tonqos mill-tħares id-disposizzjonijiet ta’ xi
regolament wieħed jew aktar minn dawk tkun ħatja ta’
RIFUĠJATI ġ KAP. 420. 13
reat kontra r-regolamenti u sabiex tiġi stabbilita l-
piena li tali persuna tkun tista’ teħel meta tinsab ħatja,
liema piena ma tkunx teċċedi multa ta’ ħames mitt lira
Maltija jew priġunerija għal żmien mhux iktar minn
tliet xhur, jew dik il-multa u priġunerija flimkien;
(ċ) jirregolaw l-għoti ta’ għajnuna legali lil persuni li
jfittxu asil;
Kap. 318.
(d) jestendu, bi ftehim mal-Ministru responsabbli għas-
sigurtà  soċjali, kull disposizzjoni ta’ l-Att dwar is-
Sigurtà  Soċjali lil persuni li jaqgħu taħt dan l-Att;
(e) jirregolaw l-għoti u l-allokazzjoni ta’
responsabbiltajiet u dmirijiet li jkollu l-Ministru taħt
dan l-Att lil uffiċjal pubbliku;
(f) jirregolaw bi ftehim mal-Ministru responsabbli għax-
xogħol l-għoti ta’ permessi tax-xogħol lil rifuġjati
rikonoxxuti;
(ġ) jipprovdu l-mezzi sabiex tiġi faċilitata l-
identifikazzjoni ta’ applikanti għal status ta’ rifuġjati u
sabiex tali informazzjoni tiġi komunikata, meta tkun
hekk mitluba, lill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi li
magħhom Malta jkollha xi ftehim bilaterali intiż għal
dawk l-għanijiet jew li jkunu partijiet
f’konvenzjonijiet internazzjonali relatati mar-rifuġjati
u li fihom Malta tkun ukoll parti u li jkunu jipprovdu
għal skambji bħal dawk.
(2) Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, il-Ministru
jista’ taħt dan is-subartikolu b’regolamenti jagħmel provvedimenti
li jkunu jżidu mad-disposizzjonijiet ta’ dan l-Att, jew jidderogaw
minnhom, sabiex iġibu fis-seħħ il-provvedimenti ta’ xi konvenzjoni
jew trattat ieħor internazzjonali li jkunu jirrigwardaw lir-rifuġjati,
l-istatus u l-protezzjoni tagħhom, li Malta tista’ ssir parti fihom
wara li r-ratifika ta’ dak it-trattat tkun ġiet approvata permezz ta’
Riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati.
Disposizzjoni 
transitorja.
20. (a)  Meta, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Att, persuna tkun
għamlet applikazzjoni għal status ta’ rifuġjat quddiem
il-Kummissarju Għoli iżda ma tkun ittieħdet ebda
deċiżjoni dwar dan, l-applikazzjoni għandha titqies
bħala applikazzjoni taħt l-artikolu 8 ta’ dan l-Att u
għandha tiġi trattata skond dan l-Att.
(b) Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet ta’ kull
liġi oħra, persuna f’Malta li qabel id-dħul fis-seħħ ta’
dan l-Att kienet diġà  rikonoxxuta bħala rifuġjat mill-
Kummissarju Għoli, għandha fuq talba tagħha tkompli
tiġi rikonoxxuta bħala tali u d-disposizzjonijiet ta’ dan
l-Att, meta jkunu rilevanti, għandhom ikunu wkoll
japplikaw għaliha. 
(ċ) Persuna f’Malta li qabel il-bidu fis-seħħ ta’ dan l-Att,
għalkemm mhux rikonoxxuta mill-Kummissarju Għoli
bħala rifuġjat, ikollha protezzjoni umanitarja li
tingħatalha mill-istess Kummissarju Għoli, jew li l-każ
14 KAP. 420. ħ RIFUĠJATI
tagħha jkun klassifikat mill-Kummissarju Għoli bħala
wieħed ta’ interess, għandha meta hija hekk titlob
tibqa’ titqies bħala tali u għandha tgawdi protezzjoni
umanitarja f’Malta kif imfisser taħt dan l-Att.
